Taqsima tar-Riċerki
tar-Reġistru Pubbliku
Il-funzjoni prinċipali tat-Taqsima tar-Riċerki hija li tipprovdi riċerki uffiċjali fuq individwi u entitajiet b’konnessjoni mar-reġistrazzjoni ta’ noti dwar it-trasferimenti inter vivos kif ukoll causa mortis, ta’ propjetà immobbli u r-reġistrazzjonijiet ta’ noti ta’ ipoteki u ta’ privileġġi li permezz tagħhom jiġu stabbiliti obbligi bħal self u ħlas ta’ ċnus.
Ir-riċerki relatati mat-trasferimenti tal-propjetà u mal-obbligi, huma magħrufa bħala Trasferimenti u Obbligazzjonijiet. Dawn normalment jintalbu meta jkunu qegħdin jitfasslu atti dwar it-trasferimenti ta’ propjetà taħt kwalunkwe titolu u atti fir-rigward ta’ obbligi.
Atti relatati ma’ Testmenti Pubbliċi, magħrufa bħala Ċertifikati ta’ Testmenti, jistabbilixxu jekk testmenti li jkunu saru minn individwu jkunux insinwati fir-Reġistri Pubbliċi ta’ Malta u Għawdex.
IT-TAQSIMA TAL-PREŻENTATA:
Servizzi offruti mit-Taqsima tal-Preżentata jinkludu:
- Insinwar ta’ noti min-nutara;
- Reġistrazzjoni ta’ sentenzi jew digrieti mogħtija mill-Qrati tal-Ġustizzja;
- Kontrafirmar ta’ riċerki uffiċjali;
- Attendenza f’seduti tal-qorti.
FRONT OFFICE
Servizzi offrut mill-Front Office jinkludu:
- Jintlaqgħu ordnijiet ta’ riċerki u testmenti;
- Kunsinna ta’ riċerki mħejjija mill-back office tal-istess taqsima għall-klijenti u l-ġbir tal-ħlasijiet relatati;
- Ġbir tal-ħlas fir-rigward ta’ noti riċevuti mis-Sezzjoni Preżentata;
- Servizz lill-konsumatur, b’mod partikolari lill-pubbliku.
BACK OFFICE
Din it-taqsima tipproċessa ordnijiet għal riċerki li jkun irċieva l-front office, li jissottometti l-pubbliku ġenerali onlajn, jew inkella jkunu sottomessi minn dawk il-klijenti rreġistrati fis-sistema tar-Riċerki. Hija responsabbli wkoll mill-indiċjar (skont l-isem, kunjom u dettalji tal-ġenituri) ta’ kull insinwa li tirċievi t-Taqsima tal-Preżentata.
Tista’ tiġi ordnata tfittxija fuq kwalunkwe kumpanija. Hemm żewġ tipi ta’ tfittxijiet: (a) Trasferimenti u (b) Obbligazzjonijiet.
L-iskop tal-ordni tat-tfittxijiet ta’ “trasferimenti” huwa li ssib xi propjetà immobbli jkollha kumpanija. It-tfittxija tagħti riżultati biss jekk il-propjetà tinkiseb b’att pubbliku u tkun irreġistrata min-Nutar fir-Reġistru Pubbliku. Per eżempju, persuna tista’ tordna tiftix ta’ ‘trasferiment’ fuq ditta għal perijodu bejn l-1990 u l-2012. Għalhekk il-propjetà kollha akkwistata b’kuntratt matul dawk it-22 sena tidher f’dawn ir-riżultati tat-tfittxija.
Min-naħa l-oħra, it-tfittxijiet fuq l-obbligazzjonijiet jiżvelaw jekk id-ditta għandhiex xi privileġġi jew ipoteki li jassiguraw xi obbligi – bħal self u ħlas ta’ ċnus fuq l-art.
Tista’ tiġi ordnata tfittxija fuq kwalunkwe persuna. Hemm żewġ tipi ta’ tfittxijiet (a) Trasferimenti u (b) Obbligazzjonijiet.
L-iskop tal-ordni tat-tfittxija ta’ “trasferimenti” huwa li ssib liema propjetà immobbli li tippossjedi persuna. It-tfittxija tagħti riżultati biss jekk il-propjetà tinkiseb b’att pubbliku u tkun irreġistrata min-Nutar fir-Reġistru Pubbliku. Per eżempju, persuna tista’ tordna tiftix ta’ “trasferiment” fuq persuna għal perijodu bejn l-1990 u l-2012. Għalhekk il-propjetà akkwistata b’kuntratt matul dawk it-22 sena tidher f’dawn ir-riżultati tat-tfittxija.
Min-naħa l-oħra, it-tfittxijiet fuq l-obbligazzjonijiet jiżvelaw jekk persuna għandhiex xi privileġġi jew ipoteki li jassiguraw xi obbligi – bħal self u ħlas ta’ ċnus fuq l-art.
Tfittxija testamentarja tista’ tiġi ordnata fuq kull persuna (ħajja jew mejta) biex issir taf jekk dik il-persuna rreġistratx testment pubbliku. It-tfittxija ma tiżvelax il-kontenut tat-testment innifsu imma sempliċiment sommarju li jiddikjara d-data u l-ħin tat-testment u n-Nutar li ppubblika l-istess testment. Il-kontenut tat-testment tista’ tarah biss il-persuna li tkun għamlet it-testment jew l-eredi tiegħu/tagħha. Ir-riżultati tat-tfittxija ma jinkludux testmenti sigrieti, billi dawn tal-aħħar għandhom jiġu ordnati mit-Taqsima tal-Ġurisdizzjoni Volontarja tal-Qorti Ċivili. Qabel jiġu ordnati tfittxijiet testamentarji huwa importanti li jitħallew jgħaddu 21 ġurnata mid-data tal-mewt tal-persuna.
Testmenti Pubbliċi
Tfittxija testamentarja tista’ tiġi ordnata fuq kull persuna (ħajja jew mejta) biex issir taf jekk dik il-persuna rreġistratx testment pubbliku. Ovvjament it-tfittxija ma tiżvelax il-kontenut tat-testment innifsu imma sempliċiment sommarju li jiddikjara d-data tat-testment u n-Nutar li ppubblika l-istess testment. Il-kontenut tat-testment tista’ tarah biss il-persuna li tkun għamlet it-testment jew l-eredi tiegħu/tagħha.
Testmenti Sigrieti
Din l-applikazzjoni tista’ tintuża wkoll biex tfittex testmenti sigrieti ta’ persuna mejta. Dawn it-testmenti huma depożitati fil-Qorti Ċivili (Sezzjoni ta’ Ġurisdizzjoni Volontarja). L-applikant jiġi mgħarraf bir-riżultat tat-tfittxija u jekk ir-riżultat ikun pożittiv, tista’ timtela applikazzjoni apposta u din tiġi ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti minn avukat jew nutar.
L-Uffiċċju għall-Valutazzjoni u d–Dekontroll tal-Art
Il-klijenti, jew ir-rappreżentant legali tagħhom, għandhom jimlew formola preskritta kif stipulat fl-Artikolu 3 tal-Ordinanza tal-1959 li tneħħi l-kontroll tad-djar. Il-formola għandha tiġi ppreżentata mal-kuntratt tax-xiri tal-propjetà flimkien ma’ dokumenti oħra relatati (jekk applikabbli). Wara li ssir il-verifika meħtieġa, tinħareġ ordni ta’ Dekontroll, iffirmata mid-Direttur jew minn rappreżentant tiegħu. Tista’ ssir ukoll talba biex jinħareġ ċertifikat tad-dekontroll.
Fl-Uffiċċju tal-Valutazzjoni tal-Artijiet hemm maħżuna eluf ta’ fajls (avviżi) u dokumenti li jservu ta’ prova ta’ sjieda ta’ propjetà residenzjali, kif ukoll dettalji relevanti oħra (bħal pereżempju valuri ta’ kiri/sentenzi tal-Bord għar-Regolazzjoni tal-Kera/Dettalji rigward atti ta’ trasferiment relatati mal-propjetà inkwistjoni u korrispondenza oħra). Ir-reġistrazzjoni tal-propjetà twettqet bejn l-1939 u l-1948, u kienet meħtieġa b’mod uffiċjali wara t-twaqqif tal-Fond għat-Tiġrif mill-Gwerra (War Damage Fund).
Din it-Taqsima tintuża primarjament min-nutara għal xogħol ta’ riċerka qabel it-tħejjija tal-kuntratti.

Ħinijiet tal-Ftuħ (Malta u Għawdex)
Taqsima tar-Riċerki tar-Reġistru Pubbliku – Malta
Mit-Tnejn sal-Ġimgħa, minbarra fil-festi pubbliċi.
Fis-sajf (mis-16 ta’ Ġunju sat-30 ta’ Settembru) – mis-07:30am sa nofsinhar
Fix-xitwa* (mill-1 ta’ Ottubru sal-15 ta’ Ġunju) – mit-08:00am sas-01:00 pm.
*L-uffiċini jkunu magħluqa nhar l-Erbgħa u l-Ħamis tal-Ġimgħa Mqaddsa.
Taqsima tar-Riċerki tar-Reġistru Pubbliku – Għawdex
Mit-Tnejn sal-Ġimgħa, minbarra fil-festi pubbliċi.
Fis-sajf (mis-16 ta’ Ġunju sat-30 ta’ Settembru) – mis-07:30am sa nofsinhar
Fix-xitwa (mill-1 ta’ Ottubru sal-15 ta’ Ġunju) – mit-08:00am sas-01:00 pm.