Il-Unit tal-Karti tal-Identità

Il-Unit tal-Karti tal-Identità hija l-awtorità responsabbli mill-ħruġ tal-karti tal-identità elettroniċi lil ċittadini Maltin u Għawdxin, u għar-reġistrazzjoni tal-kont tal-eID (virtwali). Il-Unit tal-Karti tal-Identità jipproċessa applikazzjonijiet kemm għall-individwu u kif ukoll għall-organizzazzjonijiet.

Servizzi Offruti

Il-Unit tal-Karti tal-Identità toħroġ Karta tal-Identità ġdida la darba l-applikant:

  • Japplika għall-Karta tal-Identità Maltija għall-ewwel darba (applikabbli għal persuni minn 14-il sena ‘l fuq);
  • Ibiddel id-dettalji personali u/jew residenzjali li hemm fuq il-karta tal-identità;
  • Jirrapporta li l-karta tal-identità intilfet jew insterqet;
  • Ikun għalaq 14, 18, 60 jew 75 sena.

Applikant li se japplika għall-ewwel darba jrid jimla u jissottometti d-dokumenti li ġejjin:

  • Il-Formola ID 10 – Applikazzjoni għal Karta tal-Identità Maltija (b’attenzjoni partikolari lejn Sezzjoni D) li tkun tinkludi ritratt riċenti, daqs tal-passaport, u li jrid ikun iffirmat minn xhud awtorizzat;
  • Il-Permess ta’ Residenza preċedenti (applikabbli biss f’każijiet meta l-applikant ħa ċ-ċittadinanza Maltija u qabel kellu l-Karta tal-Permess tar-Residenza b’numru li jispiċċa bl-ittra ‘A’);
  • Ittra ta’ konferma jew ċertifikat maħruġ mil-Unit taċ-Ċittadinanza bħala prova taċ-Ċittadinanza Maltija tal-applikant. Din il-prova mhix neċessarja jekk l-applikant:
    • twieled Malta minn ġenituri miżżewġin u f’dak iż-żmien il-missier kien ċittadin Malti;
    • twieled Malta jew barra minn Malta wara l-1 ta’ Awwissu 1989 minn omm ta’ nazzjonalità Maltija;
    • kien addottat f’Malta ta’ età iżgħar minn għaxar snin;
    • Btwieled Malta minn ġenituri barranin bejn l-10 ta’ Frar 1981 u l-1 ta’ Awwissu 1989 (applikabbli biss jekk il-ġenituri ma kinux jagħmlu parti mill-korp diplomatiku);
    • twieled Malta, emigra u ħa ċ-ċittadinanza barranija wara l-10 ta’ Frar 2000.

Applikant li jitlob xi bidla fid-dettalji personali u/jew tal-indirizz fuq il-karta tal-identità tiegħu/tagħha għandu/ha:

  • Jimla l-Formola ID 10 – Applikazzjoni għal Karta tal-Identità Maltija; u
  • Jippreżenta l-karta tal-identità tiegħu/tagħha.

Applikant li jiddikjara li l-karta tal-identità tiegħu/tagħha intilfet jew insterqet, għandu/ha:

  • Jimla l-Formola ID 10 – Applikazzjoni għal Karta tal-Identità Maltija; u
  • Jissottometti rapport tal-pulizija li jrid jinkludi fih in-numru tal-karta tal-identità.

Biex tinħareġ karta tal-identità ġdida flok dik mitlufa jew misruqa iridu jitħallsu penali ta’ €22.

F’każ li l-karta tal-identità mitlufa/misruqa ma kinitx kard elettronika, l-applikant irid jimla sezzjoni D tal-Formola ID10, li trid tinkludi dikjarazzjoni ta’ persuna awtorizzata, li tivverifika li hi/hu j/taf lill-applikant, kif ukoll ritratt tal-applikant li jkun iffirmat mill-istess xhud biex jiċċertifika l-identità tal-persuna. F’każ li l-Karta tal-Identità mitlufa jew misruqa kienet diġà e-ID (kellha ċ-ċippa) m’hemmx bżonn timtela sezzjoni D.

L-applikant jista japplika wkoll għal:

  • Kont virtwali tal-e-ID; u
  • Kard tal-persuni anzjani (fil-każ ta’ persuni li għandhom 60 sena jew aktar).

Persuni anzjani, li jkollhom 60 sena u 75 sena, jridu japplikaw għal karta tal-identità ġdida, li tirrifletti l-età li jkunu laħqu. Il-kartanzjan l-antika m’għadhiex tinħareġ, madankollu l-benefiċċji kollha li qabel kienu jitgawdew permezz tal-kartanzjan se jibqgħu permezz ta’ dawn il-kards.

Il-Unit tal-Karti tal-Identità jipprovdi servizz fid-djar b’xejn għal ċittadini li ma jkunux jifilħu joħorġu minn darhom jew minħabba problemi ta’ mobbiltà jsibuha diffiċli biex jiġu l-uffiċċju fil-Blata l-Bajda biex japplikaw għall-Karta tal-Identità. F’dan ir-rigward l-applikant jista’ jissottometti t-talba tiegħu bl-imejl fuq info@mygov.mt jew iċempel l-uffiċċju 2590 4300.

Il-Kont Virtwali tal-e-ID

Meta persuna tapplika għal karta tal-identità, din tista’ tapplika wkoll għall-kont (virtwali) e-ID li huwa bżonnjuż biex wieħed jaċċessa servizzi onlajn tal-Gvern. Wara li l-Unit tal-Karti tal-Identità jirċievi l-applikazzjoni, l-identità tal-applikant tiġi vverifikata u jipproċedi billi tintbagħat link lill-applikant sabiex ikun jista’ jattiva l-kont. Dan il-link jintbagħat fl-indirizz elettroniku pprovdut mill-applikant innifsu.

Applikant għandu wkoll l-għażla li jagħmel użu miċ-ċertifikati (Ċertifikat tal-Awtentikazzjoni u Ċertifikat tal-Firma) li jinsabu fuq il-karta tal-identità elettronika tiegħu u dawn iċ-ċertifikati jinżammu fuq il-kompjuter tal-utent. Wieħed jista’ jagħmel użu minnhom permezz ta’ Card Reader u PIN A u PIN B (li kienu ntbagħtu lill-utent waqt ir-reġistrazzjoni tal-Karta tal-Identità tiegħu/tagħha). Iċ-Ċertifikati tal-Karta tal-Identità huma ġeneralment użati għal servizzi relatati ma’ servizzi finanzjarji u applikazzjonijiet ta’ tenders.

Organizzazzjonijiet ukoll jistgħu jirreġistraw lilhom infushom bħala entitajiet identifikabbli għall-iskop tal-e-ID. B’hekk jiġu permessi jagħmlu użu tas-servizzi elettronici u jkunu jistgħu jinteraġixxu ma’ Service Providers permezz tas-servizzi onlajn. Biex tirreġistra, l-organizzazzjoni, l-ewwel trid taħtar Manager għall-Organizzazzjoni (li jrid ikollu kont tal-e-ID personali u ċertifikat diġitali personali). Ir-Reġistrazzjonijiet tal-Organizzazzjoni jistgħu jiġu sottomessi onlajn u d-dokumentazzjoni neċessarja trid tintbagħat lill-Awtorità tar-Reġistrazzjoni (ICU).

Is-software, l-ispeċifikazzjonijiet għall-apparat biex tinqara il-karta tal-identità elettronika, kif ukoll struzzjonijiet oħra dwar kif tirreġistra organizzazzjoni tal-kont tal-identifikazzjoni elettronika huma disponibbli fuq din il-link.

Service Providers li jridu jniedu eService iridu jikkonsultaw u wara jidħlu fi ftehim mal-Aġenzija Identity Malta.

Uffiċċju Elettorali

Fit-12 ta’ Frar 2014, il-Unit tal-Karti tal-Identità kien trasferit taħt Identity Malta. Madankollu, kien intlaħaq ftehim bejn l-Aġenzija Identity Malta u l-Uffiċċju Elettorali, fejn l-aġenzija ddikkjarat li se taċċetta applikazzjonijiet li għandhom x’jaqsmu ma’ informazzjoni b’rabta elettorali taċ-ċittadini f’isem l-Uffiċċju Elettorali. L-istess informazzjoni, inkluż ir-ritratt li għandha l-ICU biex tipproduċi l-karti tal-Identità, tintbgħat lill-Uffiċċju Elettorali biex tintuża għal skop ta’ elezzjonijiet, u din tinkludi l-pubblikazzjoni tar-reġistru elettorali u l-istampar tad-dokumenti tal-vot.

  • Persuni li qed japplikaw għall-ewwel darba (inklużi dawk li mhumiex eliġibbli) huma mitluba li jimlew u jiffirmaw formoli elettorali Nru.1 u Nru.4;
  • Persuni li qed japplikaw biex jibdlu indirizz iridu jimlew u jiffirmaw il-formola elettorali Nru.2;
  • Persuni li jitolbu tibdil fil-kunjom u l-indirizz jridu jimlew u jiffirmaw formola elettorali Nru.2A;
  • Persuni li jkollhom kwalunkwe korrezzjoni oħra jridu jiffirmaw formula elettorali Nru.3.

Definizzjoni tal-aħħar ittra fin-numru tal-identità

Il-Unit tal-Karti tal-Identità jagħti waħda mill-ittri mniżżla hawn taħt fl-aħħar tan-numru tar-reġistrazzjoni.

A Applikabbli għal persuni barranin li jinħarġilhom Permess tar-Residenza;
B Applikabbli għal Maltin li t-twelid tagħhom kien irreġistrat bejn l-1800 u l-1899;
G Applikabbli għal Għawdxin li t-twelid tagħhom kien irreġistrat bejn l-1900 u l-1999;
H Applikabbli għal Għawdxin li t-twelid tagħhom kien irreġistrat wara l-2000;
L Applikabbli għal Maltin li t-twelid tagħhom kien irreġistrat wara l-2000;
M Applikabbli għal Maltin li t-twelid tagħhom kien irreġistrat bejn l-1900 u l-1999;
P Applikabbli għal Maltin li twieldu barra minn Malta u huwa diffiċli li jipproduċu ċertifikat oriġinali tat-twelid tagħhom biex ikunu jistgħu jirreġistrawh f’Malta.
Z Applikabbli għal Għawdxin li t-twelid tagħhom kien irreġistrat bejn l-1800 u l-1899.

Ħlasijiet

Ħruġ ta’ Karta tal-Identità għall-ewwel darba Bla ħlas
Tiġdid ta’ Karta tal-Identità skaduta (jew li fiha xi informazzjoni li m’għadhiex korretta) li mhix iddikjarata mitlufa,
misruqa jew imħassra
Bla ħlas
Applikazzjonijiet għal Karta tal-Identità ġdida minflok waħda li tkun intilfet jew insterqet €22
Applikazzjonijiet għal Karta tal-Identità ġdida minflok waħda li tkun ġiet imħassra €16.50

Formoli Oħrajn

Formoli

Ikklikkja fuq u agħżel mil-lista fuq il-lemin

Identity Malta Agency

Ħinijiet tal-Ftuħ

It-Tnejn: Mis-7:30am sas-2:00pm
It-Tlieta:: Mis-7:30am sas-2:00pm
L-Erbgħa: Mis-7:30am sas-2:00pm
Mit-3:00pm sas-6:00pm
Il-Ħamis: Mis-7:30am sas-2:00pm
Il-Ġimgħa: Mis-7:30am sas-2:00pm
Is-Sibt: Mis-7:30am sal-11:00am
Font Resize
Contrast