L-Aġenzija Identity Malta tippjana sabiex terġa’ tibda tilqa’ applikazzjonijiet għal Single Permit mill-ewwel ġimgħa t’Awwissu.
Ittri ta’ approvazzjoni li jkunu skadew se jiġu estiżi
- Applikazzjonijiet ġodda għal Single Permit jintlaqgħu mit-3 ta’ Awwissu 2020
L-Aġenzija Identity Malta bħalissa għaddejja f’diskussjonijiet mal-istakeholders tagħha, sabiex minn nhar it-Tnejn 3 ta’ Awwissu jerġgħu jibdew jintlaqgħu applikazzjonijiet ġodda għas-single permit.
L-applikazzjonijiet kollha tas-single permit se jkunu assessjati b’mod rigoruż minn Identity Malta u stakeholders oħra involuti f’dan il-proċess, fil-kuntest tas-suq tax-xogħol preżenti u l-liġijiet applikabbli. La darba l-applikazzjonijiet għas-single permit jerġgħu jinfetħu, applikanti jkunu jistgħu jissottomettu applikazzjoni online fuq https://singlepermit.gov.mt/ u l-permessi jingħataw mingħajr preġudizzju għal:
- kwalunkwe approvazzjoni oħra li tkun meħtieġa mill-Awtoritajiet tas-Saħħa Maltin sabiex l-applikant ikun jista’ jiġi Malta (skont l-Avviżi Legali 244, 255, 280 and 290 tal-2020, u/jew kwalunke Avviż Legali sussegwenti ieħor relatat li jista’ jinħareġ mill-Awtoritajiet tas-Saħħa);
- kwalunkwe rekwiżiti b’rabta mal-viża speċjalment f’każ li l-applikant ikun ġej minn pajjiż fejn m’hemmx faċilitajiet għall-ħruġ tal-viża;
- kwalunkwe restrizzjonijiet b’rabta ma’ vjaġġar lejn Malta imposti minn Membri Stati li minnhom l-applikant ikun irid jgħaddi sabiex mill-pajjiż minn fejn oriġina jkun jista’ jasal Malta.
- Ittri ta’ approvazzjoni li jkunu skadew se jiġu estiżi
Wara bosta diskussjonijiet, l-Aġenzija Identity Malta se tkun qed tikkomunika d-dati estiżi permezz ta’ ittri ġodda lil dawk l-applikanti li kellhom l-applikazzjoni tagħhom approvata fil-prinċipju, li għadhom barra minn Malta u li l-ittra tagħhom issa skadiet. Fid-dawl ta’ dan, applikanti li ġew infurmati li jistgħu jiġu Malta u ngħataw viża minn Missjoni Maltija barra minn Malta, u li issa din skadiet, jinħtieġ li jissottomettu applikazzjoni ġdida għal viża. Il-ftuħ mill-ġdid taċ-ċentri tal-viża jiddependi primarjament mis-sitwazzjoni tas-saħħa tal-pajjiż, fejn kemm il-konsolati u anke l-fornituri esterni tas-servizzi tal-viża jinħtieġ li jkunu f’pożizzjoni sabiex joperaw skont ir-rakkomandazzjonijiet preżenti u futuri tar-rakkomandazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea kif ukoll tar-regolamenti tal-Awtoritajiet tas-Saħħa.
- Applikazzjonijiet pendenti se jiġu assessjati mill-ġdid
Fir-rigward ta’ applikazzjonijiet li saru pendenti f’Marzu, dawn jiġu assessjati mill-ġdid fid-dawl tal-iżviluppi li kien hemm fir-rekwiżiti u s-sitwazzjoni tas-suq tax-xogħol u deċiżjoni finali dwarhom tkun komunikata dalwaqt.
L-approvazzjoni tal-viża u l-permess għax-xogħol u residenza tingħata mingħajr preġudizzju skont il-kundizzjonijiet elenkati hawn fuq.