Meta Malta saret stat Indipendenti fil-21 ta’ Settembru 1964, il-Kostituzzjoni tal-Indipendenza stabilixxiet min għandu jakkwista ċ-ċittadinanza awtomatikament mat-twelid.

Id-dispożizzjonijiet relattivi tal-Kostituzzjoni dwar il-leġiżlazzjoni dwar iċ-ċittadinanza ġew imsaħħa fl-1965 bil-promulgazzjoni tal-Att dwar iċ-Ċittadinanza Maltija (Kap 188).

Aktar tard, fis-sena 2000, id-dispożizzjonijiet dwar il-kwistjonijiet ta’ ċittadinanza msemmija hawn fuq, tneħħew mill-kostituzzjoni u ġew inklużi fl-Att dwar iċ-Ċittadinanza Maltija (Kap 188).

MAL-INDIPENDENZA TA’ MALTA, MIN SAR AWTOMATIKAMENT ĊITTADIN MALTI?

Saru ċittadini Maltin mal-Indipendenza ta’ Malta dawk il-persuni li:

  • Twieldu Malta qabel il-21 ta’ Settembru tal-1964 u mill-anqas wieħed mill-ġenituri kien ukoll imwieled Malta;

jew

  • Twieldu barra minn Malta imma l-missier u n-nannu patern kienu t-tnejn imweldin Malta;

u

  • Sal-20 ta’ Settembru tal-1964 dak li jkun kien għadu ċittadin tar-Renju Unit u l-Kolonji.

MIN SAR ĊITTADIN MALTI BIT-TWELID MILL-1 T’AWWISSU 1989 ‘IL QUDDIEM?

Persuni li twieldu nhar jew wara l-1 ta’ Awwissu 1989 li huma/kienu:

  • Twieldu Malta u fit-twelid il-missier jew l-omm kien/et Malti/ja, jew kienu persuni li kienu qed igawdu minn moviment ħieles (li tfisser persuna mwielda Malta minn ġenituri li twieldu Malta qabel il-21 ta’ Settembru 1964) imma ma baqax Malti wara li emigra;

jew

  • Twieldu barra minn Malta u fit-twelid tagħha, wieħed mill-ġenituri kien ċittadin Malti bit-twelid f’Malta, b’reġistrazzjoni jew b’naturalizzazzjoni. *

* Iċ-ċittadinanza Maltija m’għandhiex tingħadda lill-wild ta’ persuna li tkun akkwistat ċittadinanza Maltija permezz ta’ reġistrazzjoni abbażi tad-dixxendenza.

MIN AKKWISTA AWTOMATIKAMENT IĊ-ĊITTADINANZA MALTIJA MAT-TWELID, BEJN IL-21 TA’ SETTEMBRU 1964 U L-31 TA’ LULJU 1989?

Persuni li:

  • Twieldu Malta matul dan il-perijodu kemm-il darba missierhom, li ma kienx ċittadin Malti, kellu l-immunità diplomatika f’Malta;

jew

  • Persuni li twieldu barra matul dan il-perijodu u fiż-żmien tat-twelid, il-missier kien  ċittadin Malti bi twelid, b’reġistrazzjoni jew b’naturalizzazzjoni. *

* Iċ-ċittadinanza Maltija m’għandhiex tingħadda lill-wild ta’ persuna li tkun akkwistat ċittadinanza Maltija permezz ta’ reġistrazzjoni abbażi tad-dixxendenza.

KIEN JEW GĦADU POSSIBBLI GĦAL PERSUNA LI AKKWISTAT ĊITTADINANZA MALTIJA BIT-TWELID JEW B’DIXXENDENZA, LI ŻŻOMM IĊ-ĊITTADINANZA TIEGĦU JEW TAGĦHA FLIMKIEN MA’ ĊITTADINANZA OĦRA LI TKUN AKKWISTAT?

Iċ-ċittadinanza doppja ġiet introdotta fil-leġiżlazzjoni dwar iċ-ċittadinanza Maltija b’effett mill-1 t’Awwissu tal-1989. Dan, madankollu, kien limitat għal emigranti Maltin u dawn kienu jridu jkunu (i) twieldu f’Malta, (ii) emigraw lejn pajjiż ieħor u akkwistaw dik iċ-ċittadinanza, u (iii) għexu għal mill-anqas sitt snin f’dak il-pajjiż.

Tibdiliet importanti oħra f’din il-leġiżlazzjoni saru fis-sena 2000. Ċittadinanza doppja/multipla saret ir-regola mhux l-eċċezzjoni. Sa mill-10 ta’ Frar tal-2000, ċittadin Malti seta’ jakkwista ċittadinanza/ċittadinanzi oħra, u jżomm dik Maltija. Permezz ta’ din il-leġiżlazzjoni, iċ-ċittadinanza Maltija reġgħet inkisbet awtomatikament minn dawk li ma baqgħux ċittadini ta’ Malta anke qabel ikunu sodisfatti ċerti kriterji.

JISTA’ JINĦAREĠ ĊERTIFIKAT TAĊ-ĊITTADINANZA MALTIJA GĦAL ĊITTADIN MALTI?

Ċertifikat ta’ ċittadinanza Maltija normalment jinħareġ jekk ikun meħtieġ mill-Gvern ta’ pajjiż ieħor bħala prova definittiva tal-istatus nazzjonali tal-persuna. Qabel dan iċ-ċertifikat taċ-ċittadinanza jinħareġ, trid issir talba mingħand l-awtoritajiet tal-pajjiż kkonċernat. Jekk ċertifikat ta’ ċittadinanza Maltija jkun meħtieġ għal skopijiet oħra, l-applikant ikun irid jagħti ġustifikazzjoni. Dan iċ-ċertifikat jinħareġ għall-ħlas ta’ €15.

X'DOKUMENTI JINĦTIEĠU?

Il-Unit taċ-Ċittadinanza jinħtieġ dawn il-dokumenti mingħand l-applikant:

  • Iċ-ċertifikat tat-twelid;
  • Iċ-ċertifikat tat-twelid tal-missier;
  • Iċ-ċertifikat taż-żwieġ tal-ġenituri;
  • Il-passaport; u
  • Il-karta tal-identità.

Mara miżżewġa jew armla, trid tissottometti wkoll ċertifikat taż-żwieġ. Barra minn hekk, jekk ir-raġel, ħaj jew mejjet, twieled Malta, il-Unit jirrikjedi wkoll (i) ċertifikat tat-twelid tiegħu, (ii) iċ-ċertifikat tat-twelid ta’ missieru u (iii) ċ-ċertifikat taż-żwieġ tal-ġenituri tiegħu.

Ta’ min jinnota

F’ċerti każijiet, jistgħu jintalbu dokumenti addizzjonali.;

  • Mis-16 t’April 2010, il-Unit taċ-Ċittadinanza m’għadux jitlob ċertifikati dwar l-istatus ċivili maħruġa mir-Reġistru Pubbliku ta’ Malta meta tkun saret talba għal servizz ipprovdut mill-unit. Huwa l-Unit taċ-Ċittadinanza li għandu jikseb iċ-ċertifikati neċessarji f’isem l-applikant;
  • Hija, madanakollu, ir-responsabbiltà tal-applikant li jipprovdi l-informazzjoni korretta lill-unit sabiex ikun jista’ jikseb iċ-ċertifikati meħtieġa. F’każ ta’ ċertifikat taż-żwieġ, għalkemm wieħed mhux obbligat li jippreżentah, jekk ikun ippreżentat u d-dipartiment iżomm kopja, din tiffaċilita l-affarijiet;
  • F’dan ir-rigward, l-applikant għandu jimla l-formola CEA/27;
  • Applikanti jinħtieġu li jippreżentaw  ċertifikati tat-twelid u taż-żwieġ maħruġa minn awtoritajiet barranin, kif ukoll ċertifikati maħruġa mill-Awtoritajiet Ekkleżjastiċi f’każ li r-rekords taċ-ċertifikati ma jkunux disponibbli mir-Reġistru Pubbliku.

Formoli

Ikklikkja fuq u agħżel mil-lista fuq il-lemin

L-Att taċ-Ċittadinanza Maltija jiddikjara li jekk xi ċittadin ta’ Malta (kemm-il darba jkollu/ha l-età, tkun ta’ kapaċità mentali sħiħa u jkun ukoll ċittadin ta’ pajjiż barrani) jagħmel dikjarazzjoni bil-mod preskritt fejn juri/turi x-xewqa li jrid/trid jirrinunzja/tirrinunzja ċ-ċittadinanza ta’ Malta, u l-Ministru jirreġistra/tirreġistra tali dikjarazzjoni, dik il-persuna ma tibqax ċittadin/a ta’ Malta.

Dawn id-dokumenti għandhom jiġu ppreżentati flimkien mad-dikjarazzjoni tar-rinunzja:

  • Iċ-ċertifikat oriġinali tal-akkwist taċ-ċittadinanza Maltija (jekk iċ-ċittadinanza nkisbet bir-reġistrazzjoni jew naturalizzazzjoni);
  • Evidenza dokumentata mill-awtoritajiet tal-pajjiż, li tiegħu l-persuna msemmija hija ċittadin/a, li turi li l-persuna li qed tagħmel id-dikjarazzjoni hija ċittadina tali;
  • Affidavit/ittra li tiddikjara r-raġuni għaliex il-persuna qed tirrinunzja għaċ-ċittadinanza Maltija tiegħu/tagħha;
  • Kopja ċċertifikata tal-paġna tal-passaport fejn ikun hemm id-dettalji tal-persuna.

Trid titħallas miżata ta’ €15 mas-sottomissjoni ta’ din l-applikazzjoni.

Formoli

Ikklikkja fuq u agħżel mil-lista fuq il-lemin

L-Att dwar iċ-Ċittadinanza Maltija jistabbilixxi min jista’ jsir ċittadin ta’ Malta b’naturalizzazzjoni, kemm-il darba l-applikant jipproduċi raġunijiet b’saħħithom.

L-Artikolu 10 (1) tal-Kap. 188 jirregola l-akkwist ta’ ċittadinanza abbażi

ta’ residenza f’Malta filwaqt li Artiklu 11 jirreferi għall-akkwist ta’ ċittadinanza Maltija fil-każ tal-minuri. Fl-aħħar mill-aħħar huwa l-Ministru responsabbli għall-affarijiet dwar ċittadinanza li għandu/għandha d-diskrezzjoni li japprova/tapprova jew jirrifjuta/tirrifjuta l-applikazzjoni.

MIN JISTA’ JAPPLIKA GĦAL ĊITTADINANZA MALTIJA B’NATURALIZZAZZJONI ABBAŻI TAR-RESIDENZA F’MALTA?

Sakemm l-applikant ikollu ‘l fuq minn tmintax-il (18) sena, individwu jista’ jissottometti applikazzjoni jekk ikun:

  • Persuna barranija jew persuna mingħajr ċittadinanza;
  • Għex f’Malta matul it-tnax (12)-il xahar immedjatament qabel id-data tal-applikazzjoni;
  • Kien residenti f’Malta għal perijodu aggregat ta’ mill-inqas erba’ (4) snin, matul is-sitt (6) snin li jippreċedu l-perijodu ta’ tnax (12)-il xahar imsemmija hawn fuq;
  • Persuna ta’ kondotta tajba;
  • Ikollu għarfien adegwat tal-lingwa Maltija jew dik Ingliża *;
  • Ikun ċittadin denju għal Malta.

*Dan ir-rekwiżit ma japplikax għal persuni t’età sħiħa, li iżda ma jkollhomx kapaċità sħiħa li f’isem dik il-persuna qed tiġi sottomessa applikazzjoni bl-awtorizzazzjoni tal-Qorti Ċivili (Ġurisdizzjoni Volontarja).

Qabel ma tiġi sottomessa applikazzjoni, l-applikanti jridu jagħmlu appuntament mal-Unit taċ-Ċittadinanza sabiex ikun jista’ jimtela ċertifikat ta’ residenza. F’dan ir-rigward, l-applikanti jridu jipprovdu lill-uffiċjal(i) il-passaport attwali tagħhom u (ii) il-passaporti l-oħra li kienu fil-pussess tiegħu imma skadew (li jkopru l-perijodu ta’ residenza tagħhom f’Malta).

L-applikant ikun jeħtieġ jissottometti dokumenti addizzjonali ladarba l-unit taċ-ċittadinanza tivvaluta ċ-ċertifikat ta’ hawn fuq u tikkonferma li l-applikant huwa eliġibbli li jipproċedi bl-applikazzjoni tiegħu.

MIN JISTA’ JAPPLIKA GĦAL ĊITTADINANZA MALTIJA B’NATURALIZZAZZJONI GĦAN-NOM TA’ MINURI F’MALTA?

Ġenitur jew iż-żewġ ġenituri flimkien, anke dawk li mhumiex Maltin, u wieħed jew it-tnejn flimkien li eventwalment ikunu ġabu ċ-ċittadinanza Maltija, jistgħu jissottomettu applikazzjoni għan-nom tal-ulied tagħhom sabiex ikunu naturalizzati bħala ċittadini ta’ Malta.

Ta’ minn jinnota

  • F’ċerti każijiet, jistgħu jintalbu dokumenti addizzjonali;
  • Mis-16 t’April 2010, il-Unit taċ-Ċittadinanza m’għadux jitlob għal ċertifikati dwar l-istatus ċivili maħruġa mir-Reġistru Pubbliku ta’ Malta meta tkun saret talba għal servizz ipprovdut mill-unit. Huwa l-Unit taċ-Ċittadinanza li għandu jikseb iċ-ċertifikati neċessarji f’isem l-applikant;
  • Hija, madanakollu, ir-responsabbiltà tal-applikant li jipprovdi l-informazzjoni korretta lill-unit sabiex ikun jista’ jikseb iċ-ċertifikati meħtieġa. F’każ ta’ ċertifikat taż-żwieġ, għalkemm wieħed mhux obbligat li jippreżentah, jekk ikun ippreżentat u d-dipartiment iżomm kopja, din tiffaċilita l-affarijiet;
  • Applikanti jinħtieġu li jippreżentaw  ċertifikati tat-twelid u taż-żwieġ maħruġa minn awtoritajiet barranin, kif ukoll ċertifikati maħruġa mill-Awtoritajiet Ekkleżjastiċi f’każ li r-rekords taċ-ċertifikati ma jkunux disponibbli mir-Reġistru Pubbliku;
  • Tiġi ppubblikata lista fil-Gazzetta tal-Gvern, li jkun fiha l-isem u l-kunjom tal-persuni kollha li ġew naturalizzati bħala ċittadini Maltin tul is-sena preċedenti;
  • Malta taċċetta ċittadinanza doppja jew multipla, madankollu l-persuni kkonċernati għandhom jagħmlu l-verifiki neċessarji dwar jekk il-liġijiet taċ-ċittadinanza tal-pajjiż tagħhom tippermettix dan, għaliex f’ċerti każi akkwist volontarju ta’ ċittadinanza oħra tista’ twassal biex tintilef dik attwali  (Ara s-sezzjoni Ċittadinanza Doppja/Multipla).
SOTTOMISSJONI TA’ APPLIKAZZJONI GĦAL ĊITTADINANZA MALTIJA B’NATURALIZZAZZJONI ABBAŻI TA’ RESIDENZA F’MALTA
  1. L-applikant irid jissottometti d-dokumenti neċessarji lill-Unit taċ-Ċittadinanza;
  2. La darba l-Unit jirrevedi d-dokumenti sottomessi, l-applikant jivverifika l-kontenut u jiffirma l-formola tal-applikazzjoni;
  3. L-applikant ikollu bżonn żewġ sponsors (li ma jkunux qraba) biex il-proċess tal-applikazzjoni jkun komplut. Il-firma tal-applikant għandha ssir quddiem xhud li jrid jiffirma l-applikazzjoni wkoll.

Tista’ tagħżel wieħed mill-persuni li ġejjin bħala l-ewwel sponsor tiegħek:

  • Membru Parlamentari;
  • Imħallef;
  • Maġistrat;
  • Avukat;
  • Nutar;
  • Prokuratur Legali;
  • Tabib;
  • Uffiċjal Pubbliku mhux anqas mill-grad ta’ Prinċipal;
  • Pulizija mhux anqas mill-grad ta’ Spettur;
  • Uffiċjal tal-Forzi Armati mhux anqas mill-grad ta’ Kaptan; u
  • Kappillan.

It-tieni sponsor tiegħek jista’ jkun kwalunkwe ċittadin Malti u li ma jaqa’ taħt l-ebda kategorija msemmija hawn fuq.

Kwalunkwe ċittadin Malti jista’ jkun sponsor, sakemm ma jkunx kiseb iċ-ċittadinanza Maltija permezz tan-naturalizzazzjoni u huwa mportanti li  jkollu iktar minn 18-il sena.

4. L-applikanti mbagħad iridu jibagħtu formola ta’ applikazzjoni kompluta lill-Unit taċ-Ċittadinanza u jieħdu l-ġuramenti meħtieġa, inkluż il-Ġurament ta’ Lealtà lejn ir-Repubblika ta’ Malta*.

*Dan ir-rekwiżit ma japplikax għal persuni li għandhom l-età iżda mhux ta’ kapaċità sħiħa li f’isem dik il-persuna qed tiġi sottomessa applikazzjoni bl-awtorizzazzjoni tal-Qorti Ċivili (Ġurisdizzjoni Volontarja).

Minbarra t-tariffi għal ġuramenti, l-applikanti jridu iħallsu miżata ta’ €450.

L-applikazzjoni tiġi pproċessata mill-Unit taċ-Ċittadinanza u l-applikanti eleġibbli jingħataw iċ-Ċittadinanza Maltija b’naturalizzazzjoni. Applikanti eleġibbli jkunu kkunsidrati bħala ċittadini ta’ Malta mid-data li jkun hemm fuq iċ-ċertifikat ta’ naturalizzazzjoni. Iċ-ċertifikat ikun jista’ jinġabar mill-Unit taċ-Ċittadinanza għal ħlas ta’ €50.

Jekk l-applikant ikun twieled barra minn Malta, l-uffiċjal mill-Unit taċ-Ċittadinanza jibgħat ittra lid-Direttur tal-Reġistru Pubbliku sabiex iċ-ċertifikat tat-twelid tal-applikant ikun jista’ jiġi rreġistrat fl-uffiċċju tiegħu. L-applikant irid jippreżenta din l-ittra r-Reġistru Pubbliku flimkien maċ-ċertifikat tat-twelid oriġinali u traduzzjoni uffiċjali bl-Ingliż jew bil-Malti, jew fotokopja tagħha ċċertifikata kif suppost bħala kopja vera minn Nutar, Avukat jew Prokuratur Legali.

Formoli

Ikklikkja fuq u agħżel mil-lista fuq il-lemin

Meta Malta saret Stat Indipendenti fil-21 ta’ Settembru tal-1964, l-Liġi dwar iċ-Ċittadinanza ma kinitx tippermetti ċittadinanza doppja, apparti każijiet ta’ minuri, li sabiex iżommu ċ-ċittadinanza Maltija kellhom jirrinunzjaw għal dik barranija, meta jkollhom bejn 18-il sena u 19-il sena. Dawk li ma rrinunzjawx iċ-ċittadinanza barranija, tilfu b’mod awtomatiku ċ-ċittadinanza Maltija.

Iċ-ċittadinanza doppja ġiet introdotta fil-leġiżlazzjoni dwar iċ-ċittadinanza Maltija b’effett mill-1 t’Awwissu tal-1989. Dan, madankollu, kien limitat għal emigranti Maltin u dawn kienu jridu jkunu (i) twieldu f’Malta, (ii) emigraw lejn pajjiż ieħor u akkwistaw dik iċ-ċittadinanza, u (iii) għexu għal mill-anqas sitt snin f’dak il-pajjiż.

Tibdiliet importanti oħra f’din il-leġiżlazzjoni saru fis-sena 2000. Ċittadinanza doppja/multipla saret ir-regola mhux l-eċċezzjoni. Sa mill-10 ta’ Frar tal-2000, ċittadin Malti seta’ jakkwista ċittadinanza/ċittadinanzi oħra, u jżomm dik Maltija.

Permezz ta’ din il-leġiżlazzjoni, iċ-ċittadinanza Maltija reġgħet inkisbet awtomatikament minn dawk li ma baqgħux ċittadini ta’ Malta anke qabel ikunu sodisfatti ċerti kriteri.

KIEN HEMM XI TIBDIL FIL-POŻIZZJONI TA’ XI ĦADD WARA LI DAĦLU FIS-SEĦĦ L-EMENDI FIL-LIĠI TAĊ-ĊITTADINANZA FIS-SENA 2000, FEJN JIRRIGWARDJA Ċ-ĊITTADINANZA DOPPJA?

Sezzjoni 7 tal-Att dwar iċ-Ċittadinanza (Kap. 188) jistipula illi “persuna  jista’ jkollha ċ-ċittadinanza Maltija, u fl-istess waqt ikollha ċ-ċittadinanza ta’ pajjiż ieħor.” Għaldaqstant, wara l-emendi li għaddew fl-10 ta’ Frar 2000, iċ-ċittadini Maltin li jakkwistaw ċittadinanza/i barranija jistgħu jżommu ċ-ċittadinanza Maltija tagħhom, filwaqt li l-barranin li jiksbu ċittadinanza Maltija permezz ta’ reġistrazzjoni jew naturalizzazzjoni jistgħu jżommu tali ċittadinanza, flimkien ma’ ċittadinanza barranija. Dan huwa mingħajr il-preġudizzju għall-fatt li l-leġiżlazzjoni barranija tista’ ma tippermettix ċittadinanza doppja għaċ-ċittadini tagħha stess.

Barra minn hekk, iċ-ċittadini Maltin li tilfu ċ-ċittadinanza tagħhom qabel din id-data, awtomatikament kisbu mill-ġdid iċ-ċittadinanza Maltija tagħhom jekk jissodisfaw il-kundizzjonijiet elenkati hawn taħt. Jekk le, jistgħu jerġgħu jiksbuha permezz ta’ reġistrazzjoni.

Akkwist awtomatiku mill-ġdid taċ-Ċittadinanza Maltija għal dawk li tilfuha. Fid-dawl ta’ dawn l-emendi, li daħlu fis-seħħ nhar l-10 ta’ Frar 2000, dawk kollha li:

  • saru ċittadini ta’ Malta awtomatikament nhar, jew wara, il-21 ta’ Settembru 1964 bit-twelid jew b’dixxendenza;
  • sussegwentement tilfu ċ-ċittadinanza Maltija tagħhom; u
  • għexu barra mnn Malta għal perijodu aggregat ta’ mill-anqas sitt snin

b’mod awtomatiku reġgħu akkwistaw iċ-Ċittadinanza Maltija u jitqiesu daqs li kieku qatt ma kienu tilfuha.

Persuni li kienu għadhom ma għalqux id-19-il sena nhar l-10 ta’ Frar 2000.

Persuni li, sa l-10 ta’ Frar 2000 kienu għadhom ma għalqux id-19-il sena u kellhom ċittadinanza oħra, apparti dik Maltija, żammew tali ċittadinanza, għaliex ma kienux mitluba jirrinunzjaw għaliha sabiex ma jitilfux dik Maltija.

Eks ċittadini ta’ Malta li ma jikkwalifikawx għal akkwist awtomatiku taċ-Ċittadinanza Maltija

Dawk il-persuni li ma jikkwalifikawx għall-akkwist awtomatiku mill-ġdid taċ-Ċittadinanza Maltija (minħabba li qabel l-emendi tas-sena 2000 huma jew (i) ma qattgħux sitt (6) snin jgħixu barra, jew (ii) kienu ċittadini ta’ Malta permezz ta’ reġistrazzjoni jew naturalizzazzjoni meta akkwistaw iċ-ċittadinanza barranija tagħhom) ikollhom japplikaw biex ikunu rreġistrati bħala ċittadini ta’ Malta (irreferi għas-sezzjoni dwar Ċittadinanza Maltija permezz tar-Reġistrazzjoni).

LIEMA DOKUMENTI JINĦTIEĠU SABIEX IL-UNIT TAĊ-ĊITTADINANZA JIKKONFERMA BIL-MIKTUB LI L-PERSUNA KONĊERNATA TIKKWALIFIKA AWTOMATIKAMENT GĦAL ĊITTADINANZA DOPPJA?

Jekk il-persuna tikkwalifika għal ċittadinanza doppja, iridu jiġu ppreżentati dawn id-dokumenti:

  • Ċertifikat tat-twelid;
  • Ċertifikat taż-żwieġ (fejn applikabbli);
  • Ċertifikat tat-twelid tal-missier;
  • Ċertifikat taż-żwieġ tal-ġenituri;
  • Iċ-ċertifikat li juri d-data meta inti akkwistajt iċ-ċittadinanza barranija, jekk din iċ-ċittadinanza akkwistajthiex b’reġistrazzjoni jew b’naturalizzazzjoni;
  • Il-passaport kurrenti Malti u/jew il-passaport barrani;
  • Dokumenti bħala evidenza biex turi li kont tgħix barra minn Malta għal perijodu aggregat ta’ mill-anqas sitt snin. Din tista’ tikkonsisti primarjament minn passaport/passaporti għall-perijodu kkonċernat.

Jekk il-passaporti preċedenti intilfu jew inqerdu, wieħed jista’ jipproduċi wieħed minn dawn id-dokumenti li ġejjin:

  • Ċertifikat ta’ residenza, normalment maħruġ mill-Awtoritajiet tal-Immigrazzjoni tal-pajjiż ikkonċernat (tali ċertifikati nħarġu l-Awstralja, il-Kanada u l-Italja);
  • Dikjarazzjoni li turi li l-qligħ annwali fuq numru ta’ snin (pereżempju, id-dikjarazzjoni Kanadiża Pension Plan Contributor jew id-dikjarazzjoni tal-Qligħ tas-Sigurtà Soċjali maħruġa mill-Awtoritajiet fl-Istati Uniti tal-Amerika);
  • Ittra mill-prinċipal preċedenti jew preżenti li tagħti d-dettalji dwar l-impjieg (dan għandu jinkludi d-data tal-ingaġġ u d-data tat-tmiem tal-impjieg);
  • Konferma tal-kontribuzzjonijiet annwali imħallsa taħt skema ta’ assigurazzjoni nazzjonali tal-pajjiż adottiv (pereżempju, id-dikjarazzjoni maħruġa fir-Renju Unit minn Contributions Agencies);
  • Konferma mill-awtoritajiet ta’ kwalunkwe skola jew kulleġġ li attendejt. Dan japplika l-aktar jekk ksibt iċ-ċittadinanza tal-pajjiż addottiv tiegħek meta kont għadek minuri;
  • Kull dokument ieħor aċċettabbli għall-unit tagħna li juri kif il-persuna għexet barra minn Malta għal perijodu aggregat ta’ mill-inqas sitt snin.

Ta’ minn jinnota

  • F’ċerti każijiet, jistgħu jintalbu dokumenti addizzjonali;
  • Mis-16 t’April 2010, il-Unit taċ-Ċittadinanza m’għadux jitlob għal ċertifikati dwar l-istatus ċivili maħruġa mir-Reġistru Pubbliku ta’ Malta meta tkun saret talba għal servizz ipprovdut mill-unit. Huwa l-Unit taċ-Ċittadinanza li għandu jikseb iċ-ċertifikati neċessarji f’isem l-applikant;
  • Hija, madanakollu, ir-responsabbiltà tal-applikant li jipprovdi l-informazzjoni korretta lill-unit sabiex ikun jista’ jikseb iċ-ċertifikati meħtieġa. F’każ ta’ ċertifikat taż-żwieġ, għalkemm wieħed mhux obbligat li jippreżentah, jekk ikun ippreżentat u d-dipartiment iżomm kopja, din tiffaċilita l-affarijiet. Il-Unit iżomm kopja taċ-ċertifikat;
  • F’dan ir-rigward l-applikant irid jissottommetti l-Formola B mimlija kif suppost;
  • Applikanti jinħtieġu li jippreżentaw  ċertifikati tat-twelid jew taż-żwieġ maħruġa minn awtoritajiet barranin, kif ukoll ċertifikati maħruġa mill-Awtoritajiet Ekkleżjastiċi f’każ li r-rekords taċ-ċertifikati ma jkunux disponibbli mir-Reġistru Pubbliku.

JISTA’ ĊITTADIN MALTI JKOLLU KONFERMA LI HU/HI ĦADU LURA Ċ-ĊITTADINANZA MALTIJA GRAZZI GĦALL-EMENDI TAS-SENA 2000?

Konferma bil-miktub tingħata mill-Unit taċ-Ċittadinanza wara li tkun sottomessa l-formola neċessarja u d-dokumenti relevanti.

Il-persuni kkonċernati għandhom jagħmlu l-verifiki neċessarji jekk il-liġijiet dwar iċ-ċittadinanza tal-pajjiż tagħhom tippermettix dan, għaliex f’ċerti każi akkwist volontarju ta’ ċittadinanza oħra tista’ twassal biex tintilef dik attwali.

Enquiry forms

Persuni li jagħmlu talba għal ċittadinanza doppja għandhom jissottomettu Dual Enquiry Form A (CEA 16) jekk twieldu qabel il-21 ta’ Settembru, 1964, jew Dual Enquiry Form B (CEA 17), għal dawk li twieldu fil-21 ta’ Settembru, 1964 jew wara.

Meta Malta saret stat Indipendenti fil-21 ta’ Settembru 1964, il-Kostituzzjoni tal-Indipendenza stabbilixxiet min għandu jirreġistra bħala ċittadin ta’ Malta taħt id-dispożizzjonijiet tal-istess Kostituzzjoni. Wara emendi fil-Liġi taċ-Ċittadinanza fis-sena 2000, id-dispożizzjonijiet dwar ir-reġistrazzjoni ta’ persuni bħala ċittadini ta’ Malta tneħħew mill-Kostituzzjoni u ġew inklużi fl-Att dwar iċ-Ċittadinanza Maltija (Kap 188).

Nhar l-1 ta’ Awwissu 2007, daħlu bosta emendi oħra f’dan l-Att li għamluha possibbli biex it-tieni ġenerazzjoni ta’ Maltin u anke dawk li ġew fil-ġenerazzjonijiet ta’ warajhom ikunu jistgħu jiksbu ċ-Ċittadinanza Maltija bir-Reġistrazzjoni.

MIN JISTA’ JAPPLIKA GĦAL ĊITTADINANZA B’REĠISTRAZZJONI?

Xi ħadd li huwa/hija:

  • Miżżewweġ/ġa ċittadin Malti u fid-data tal-applikazzjoni, għadu/ha miżżewweġ/ġa għal aktar minn ħames snin u jgħixu flimkien (Formola B);
  • Miżżewweġ/ġa ċittadin Malti, li fid-data tal-applikazzjoni, jkun/tkun għadu/ha miżżewweġ/ġa iżda sseparat/a de jure jew de facto minnu/ha, imma jipprova/tipprova li għexu flimkien għal mill-anqas ħames snin wara dak iż-żwieġ (Formola B);
  • L-armel/armla ta’ persuna li kienet ċittadina ta’ Malta fid-data tal-mewt, u li kienu ilhom miżżewġin għal mill-inqas ħames snin u kienu għadhom jgħixu flimkien (Formola B);
  • L-armel/armla ta’ persuna li kienet ċittadin ta’ Malta fid-data tal-mewt u li kieku ma kienx għall-mewt tiegħu/tagħha, l-koppja kienet tkun għadha miżżewġa għal mill-inqas ħames snin fid-data tal-applikazzjoni (Formola B);
  • L-armel/armla ta’ persuna, li, billi jkun miet/et qabel Malta saret Indipendenti fil-21 ta’ Settembru 1964, kien, li ma kienx għall-mewt tiegħu, isir ċittadin Malti (għall-fatt li kien twieled Malta minn ġenitur li wkoll twieled Malta jew li kien twieled barra minn missier u nannu patern imwielda Malta); il-koppja kienu għadhom jgħixu flimkien  fid-data tal-mewt jew f’każ ta’ separazzjoni, de jure jew de facto, għexu flimkien għal mill-inqas ħames snin wara ż-żwieġ (Formola B);
  • Il-wild, li twieled qabel il-21 ta’ Settembru 1964, ta’ omm imwielda Malta u li saret, jew li kieku ma kienx għall-mewt tagħha, kienet issir, ċittadina ta’ Malta fil-21 ta’ Settembru 1964 (Formola I);
  • Il-wild ta’ omm Maltija (li akkwistat iċ-ċittadinanza mat-twelid, b’Reġistrazzjoni jew b’Naturalizzazzjoni u li kienet ċittadina Maltija fit-twelid tal-wild) u li imwieled/twieldet barra minn Malta fil-21 ta’ Settembru, 1964 jew wara imma qabel l-1 t’Awwissu, 1989 (Formola I);
  • Kien/et ċittadin Malti u ma j/tikkwalifikax għall-akkwist taċ-ċittadinanza b’mod awtomatiku minħabba li m’għamilx sitt snin jgħix/tgħix barra minn Malta jew għax kien/et ċittadin Malti b’Reġistrazzjoni jew b’Naturalizzazzjoni. (Ara s-sezzjoni dwar Ċittadinanza Doppja/Multipla). (Formola D);
  • Dixxendent dirett, it-tieni ġenerazzjoni jew ġenerazzjoni sussegwenti imwieled barra minn Malta, minn axxendenti mwieled/da Malta minn ġenitur li hu wkoll hu imwieled/da Malta. (Jekk id-dixxendent hu minuri, il-persuna li skont il-liġi għandha l-awtorità fuq il-minuri għandha tissottometti l-applikazzjoni).  (Formola K/Formola M).

KIF TISTA’ TAPPLIKA GĦAL REĠISTRAZZJONI BĦALA ĊITTADIN TA’ MALTA?

  1. Jiġu sottomessi d-dokumenti kollha neċessarji lill-Unit taċ-Ċittadinanza;
  2. La darba l-Unit jirrevedi u jevalwa d-dokumenti kollha sottomessi, l-applikant jivverifika u jiffirma l-formola mimlija;
  3. Jekk l-applikant huwa barrani miżżewweġ/ġa ċittadin ta’ Malta, hu/hi u r-raġel/mara tiegħu/tagħha iridu jagħmlu dikjarazzjoni konġunta (affidavit) sabiex jikkonfermaw li ilhom jgħixu flimkien għal mill-inqas ħames snin mid-data taż-żwieġ u li għadhom jgħixu flimkien sa dakinhar tal-applikazzjoni;
  4. Il-Unit taċ-Ċittadinanza jamministra l-ġuramenti meħtieġa, rigward l-applikazzjoni nnifisha kif ukoll il-Ġurament ta’ Lealtà lir-Repubblika ta’ Malta*. Minbarra l-miżata għall-imsemmija ġuramenti, imbagħad isir il-ħlas ta’ €150 għall-applikazzjoni.

*Dan ir-rekwiżit ma japplikax għal persuni tal-età iżda mhux ta’ kapaċità sħiħa li f’isem dik il-persuna qed tiġi sottomessa applikazzjoni  bl-awtorizzazzjoni tal-Qorti Ċivili (Ġurisdizzjoni Volontarja).

Meta l-applikazzjoni ssir f’waħda mill-Ambaxxati ta’ Malta barra mill-pajjiż, it-teħid tal-ġuramenti għandu jsir jew quddiem Uffiċjal tal-Ambaxxata inkwistjoni, u li huwa awtorizzat biex jaġixxi bħala Kummissarju tal-Ġuramenti, jew quddiem persuna li, skont il-liġi tal-pajjiż ikkonċernat, għandu s-setgħa li jamministra l-ġuramenti.

L-applikazzjoni imbagħad tiġi pproċessata mill-Unit taċ-Ċittadinanza. Jekk jinstab kollox sewwa, l-applikant ikun irreġistrat bħala ċittadin Malti. Applikanti eleġibbli jkunu kkunsidrati bħala ċittadini Maltin mid-data li titniżżel fuq iċ-ċertifikat. L-applikant jintalab biex jiġbor iċ-Ċertifikat mill-Unit taċ-Ċittadinanza fejn trid titħallas miżata ta’ €50.

Jekk l-applikant twieled barra minn Malta,  il-Unit taċ-Ċittadinanza jipprepara ittra lid-Direttur tar-Reġistru Pubbliku sabiex iċ-ċertifikat tat-twelid tal-applikant ikun jista’ jiġi rreġistrat fl-uffiċċju tiegħu. L-applikant irid jippreżenta din l-ittra lir-Reġistru Pubbliku flimkien maċ-ċertifikat tat-twelid oriġinali u traduzzjoni uffiċjali bl-Ingliż jew bil-Malti, jew fotokopja tagħha ċċertifikata kif suppost bħala kopja vera min-Nutar, Avukat jew Prokuratur Legali.

Punti li għandhom jiġu nnutati:

  • Fil-Gazzetta tal-Gvern, tiġi ppubblikata lista, li jkun fiha l-isem u l-kunjom tal-persuni kollha li ġew irreġistrati u naturalizzati bħala ċittadini Maltin.
  • Malta taċċetta ċittadinanza doppja jew multipla, madankollu l-persuni kkonċernati għandhom jagħmlu l-verifiki neċessarji jekk il-liġijiet dwar iċ-ċittadinanza tal-pajjiż tagħhom tippermettix dan, għaliex f’ċerti każi akkwist volontarju ta’ ċittadinanza oħra tista’ twassal biex tintilef dik attwali  (Ara s-sezzjoni Ċittadinanza Doppja/Multipla).

Applikanti li ma jgħixux f’Malta huma mħeġġa sabiex jikkuntattjaw lil waħda mill-Ambaxxati Maltin jew Kummissjoni Għolja Maltija rigward il-proċeduri li għandhom jimxu magħhom meta jissottomettu applikazzjoni għal reġistrazzjoni.  L-indirizzi tar-rappreżentanti diplomatiċi Maltin barra minn Malta jinsabu fuq is-sit elettroniku tal-Ministeru għall-Affarijiet Barranin u Promozzjoni tal-Kummerċ https://foreignaffairs.gov.mt/en/Pages/Maltese%20Diplomatic%20Representations%20Overseas/Maltese-Diplomatic-Representations-Overseas.aspx

WHICH DOCUMENTS ARE REQUIRED?

  1. Fil-każ ta’ raġel/mara ta’ ċittadin Malti, iridu jiġu ppreżentati dawn li ġejjin:
    1. Iċ-ċertifikat taż-żwieġ;
    2. Iċ-ċertifikat tat-twelid li juri l-isem tal-ġenituri;
    3. Il-passaport;
    4. Il-karta tal-identità (jekk disponibbli);
    5. Tliet ritratti tal-passaport tal-applikant;
    6. Iċ-ċertifikat tat-twelid tal-mara/raġel;
    7. Iċ-ċertifikat tat-twelid ta’ missier il-mara/raġel;
    8. Iċ-ċertifikat taż-żwieġ tal-ġenituri tal-mara/raġel;
    9. Il-passaport tal-mara/raġel;
    10. Il-Karta tal-Identità tal-mara/raġel.

    F’każ ta’ separazzjoni, l-applikant ikun irid jissottometti wkoll Kopja tal-Att tas-Separazzjoni.

  2. Fil-każ ta’ armel/armla ta’ ċittadin Malti, iridu jiġu ppreżentati dawn li ġejjin:
    1. Iċ-ċertifikat taż-żwieġ;
    2. Iċ-ċertifikat tat-twelid li juri l-isem tal-ġenituri;
    3. Il-passaport;
    4. Il-karta tal-identità (jekk disponibbli);
    5. Tliet ritratti tal-passaport tal-applikant;
    6. Iċ-ċertifikat tat-twelid tal-mara/raġel;
    7. Iċ-ċertifikat tat-twelid ta’ missier il-mara/raġel;
    8. Iċ-ċertifikat taż-żwieġ tal-ġenituri tal-mara/raġel;
    9. L-Att ta’ Separazzjoni (jekk applikabbli);
    10. Iċ-ċertifikat tar-raġel jew tal-mara;
    11. Il-passaport tar-raġel jew tal-mara kemm-il darba dan id-dokument ikun għadu fil-pussess tal-applikant.
  3. Fil-każ ta’ persuna li kienet ċittadin ta’ Malta, iridu jiġu ppreżentati dawn li ġejjin:
    1. Il-passaport;
    2. Iċ-ċertifikat tat-twelid tal-mara/raġel;
    3. Iċ-ċertifikat tat-twelid ta’ missier il-mara/raġel;
    4. Iċ-ċertifikat taż-żwieġ tal-ġenituri tal-mara/raġel;
    5. Ritratt tal-passaport;
    6. Kopja taċ-ċertifikat taċ-ċittadinanza li l-applikant ikollu f’idejh.
  4. Fil-każ ta’ wild ta’ omm Maltija, iridu jiġu ppreżentati dawn li ġejjin:
    1. Ċertifikat tat-twelid li juri l-isem taż-żewġ ġenituri;
    2. Il-passaport;
    3. Ritratt tal-passaport;
    4. Iċ-ċertifikat taż-żwieġ tal-omm;
    5. Iċ-ċertifikat tat-twelid tar-raġel;
    6. Iċ-ċertifikat tat-twelid ta’ missier ir-raġel;
    7. Iċ-ċertifikat taż-żwieġ tal-ġenituri tar-raġel;
    8. Il-passaport tar-raġel.
    9. Jekk l-iben jew il-bint twieled/twieldet wara l-21 ta’ Settembru 1964, il-Unit taċ-Ċittadinanza jista’ jitlob aktar evidenza li turi li l-omm kienet ċittadina ta’ Malta fiż-żmien tat-twelid tal-applikant/a.
  5. Fil-każ ta’ dixxendent, it-tieni ġenerazzjoni jew ġenerazzjoni sussegwenti mwieled barra minn Malta, minn axxendenti mwielda Malta minn ġenitur li hu wkoll  twieled Malta, iridu jiġu ppreżentati dawn li ġejjin:
    1. Ċertifikat tat-twelid;
    2. Ċertifikati tat-twelid u taż-żwieġ tal-axxendent tal-applikant li juru l-konnessjoni diretta mal-axxendent li twieled f’Malta;
    3. Fil-każ tat-tielet ġenerazzjoni u oħrajn sussegwenti:
      1. Iċ-ċertifikat tal-mewt tal-ġenituri li kellu konnessjoni diretta mal-axxendent li twieled f’Malta (jekk il-ġenituri huwa mejjet);
      2. Kopja taċ-ċertifikat tar-reġistrazzjoni bħala ċittadin ta’ Malta tal-ġenitur li kellu konnessjoni diretta mal-axxendent li twieled f’Malta.
    4. Ritratt tal-passaport.
  6. F’każ ta’ persuna li għandha awtorità fuq minuri (li huwa dixxendent, imwieled barra minn Malta tat-tieni ġenerazzjoni u jew ġenerazzjoni sussegwenti, minn axxendent li twieled f’Malta, ta’ ġenitur li wkoll twieled Malta) jinħtieġ li jissottometti l-affarijiet elenkati fil-lista t’hawn fuq, li jirrigwardjaw il-minuri kkonċernat flimkien ma’ dokumenti li juru l-awtorizzazzjoni tiegħu jew tagħha li tagħtih il-permess sabiex tkun sottomessa tali applikazzjoni.

Ta’ minn jinnota

  • F’ċerti każijiet, jistgħu jintalbu dokumenti addizzjonali;
  • Mis-16 t’April 2010, il-Unit taċ-Ċittadinanza m’għadux jitlob għal ċertifikati dwar l-istatus ċivili maħruġa mir-Reġistru Pubbliku ta’ Malta meta tkun saret talba għal servizz ipprovdut mill-unit. Huwa l-Unit taċ-Ċittadinanza li għandu jikseb iċ-ċertifikati neċessarji f’isem l-applikant;
  • Hija, madanakollu, ir-responsabbiltà tal-applikant li jipprovdi l-informazzjoni korretta lill-unit sabiex ikun jista’ jikseb iċ-ċertifikati meħtieġa. F’każ ta’ ċertifikat taż-żwieġ, għalkemm wieħed mhux obbligat li jippreżentah, jekk ikun ippreżentat u d-dipartiment iżomm kopja, din tiffaċilita l-affarijiet. Il-Unit iżomm kopja taċ-ċertifikat;
  • F’dan ir-rigward l-applikant irid jissottommetti l-Formola CEA 27 mimlija kif suppost;
  • Applikanti jinħtieġu li jippreżentaw  ċertifikati tat-twelid jew taż-żwieġ maħruġa minn awtoritajiet barranin, kif ukoll ċertifikati maħruġa mill-Awtoritajiet Ekkleżjastiċi f’każ li r-rekords taċ-ċertifikati ma jkunux disponibbli mir-Reġistru Pubbliku.

Formoli

Ikklikkja fuq u agħżel mil-lista fuq il-lemin

Identity Malta Agency

Ħinijiet tal-Ftuħ

It-Tnejn: Mis-07:00 sal-11:30
It-Tlieta: Mis-07:00 sal-11:30
L-Erbgħa: Magħluq is-sena kollha
Il-Ħamis:: Mis-07:00 sal-11:30
Il-Ġimgħa: Mis-07:00 sal-11:30
Font Resize
Contrast