Politika għar-rikonoxximent ta’ dokumenti pubbliċi barranin mill-Aġenzija Identità Malta

Data tal-Pubblikazzjoni: 3 ta’ Jannar 2022.
L-aħħar aġġornament: 22 ta’ Mejju 2023
Verżjoni: 2.0

Astratt

L-Aġenzija Identità Malta hija obbligata tirrikonoxxi u tirreġistra dokumenti pubbliċi barranin, bħala parti mill-evidenza dokumentarja biex tipproċessa applikazzjonijiet fit-taqsimiet tagħha.

Din il-politika tispeċifika r-rekwiżiti tal-Aġenzija b’mod ġenerali u tispeċifika fejn hemm rekwiżiti partikolari għal xi Taqsima jew skont il-każ, kif meħtieġ. Dawn jistgħu jinkludu dokumenti u traduzzjonijiet għall-Malti jew l-Ingliż li qed jiġu apostillati jew legalizzati skont l-oriġini tad-dokument.

Id-dokumenti kollha li jiġu preżentati mill-applikanti jistgħu jinżammu u jiġu ppriżervati b’mod indefinit fl-Arkivji tal-Aġenzija Identità Malta.

Politika

Rikonoxximent ta’ Politika ta’ Dokumenti Pubbliċi Barranin

Din il-politika għandha tapplika għall-każijiet kollha fejn l-Aġenzija Identità Malta tkun meħtieġa li tirrikonoxxi u tirreġistra dokumenti pubbliċi barranin.

  1. Oriġinali jew kopji veri ta’ ċertifikati u dokumenti pubbliċi

Dokumenti sottomessi sew minn pajjiżi tal-UE u sew minn pajjiżi barra l-UE jistgħu jkunu jew oriġinali jew kopji awtentikati.  Fil-każ ta’ kopji awtentikati, dawn għandhom jinħarġu mill-istess awtorità kompetenti jew Qorti li tkun ħarġet id-dokument oriġinali.

  1. Apostilla u legalizazzjoni sħiħa

L-Aġenzija Identità Malta taċċetta biss kopji oriġinali jew kopji awtentikati tad-dokumenti kif aktar speċifikat hawn taħt:

Dokumenti pubbliċi, u kopji awtentikati tagħhom, maħruġa mill-awtoritajiet ta’ Stat Membru m’għandhomx għalfejn jiġu apostillati jew legalizzati sakemm dawn id-dokumenti qed jistabbilixxu fatti kif previst fir-Regolament 2016/1191 dwar il-promozzjoni tal-moviment ħieles ta’ ċittadini billi jissimplifika r-rekwiżiti għall-preżentazzjoni ta’ ċerti dokumenti pubbliċi fl-Unjoni Ewropea.

Dokumenti pubbliċi, fil-format oriġinali u kopji awtentikati tagħhom, maħruġa mill-awtoritajiet ta’ pajjiż terz, iridu jkunu jew apostillati jew legalizzati.

F’każijiet li għandhom x’jaqsmu mar-reġistrazzjoni ta’ dokumenti mar-Reġistru Pubbliku, jekk ma jkunx possibbli li jiġu pprovduti dokumenti li huma jew apostillati jew legalizzati, iċ-ċirkostanzi u l-partikolaritajiet tal-każ għandhom jiġu spjegati b’mod ċar lir-Reġistru Pubbliku sabiex tingħata assistenza.

Id-dettalji ta’ kif jista’ jsir kuntatt mar-Reġistru Pubbliku jinsabu hawn taħt, u fuq is-sit elettroniku tal-Aġenzija, https://www.identitymalta.com/ :

Imejl tar-Reġistru Pubbliku ta’ Malta: [email protected]

Numru tat-telefon: +356 2590 4200

Imejl tar-Reġistru Pubbliku ta’ Għawdex: [email protected]

Numru tat-telefon: +356 2215 6383

3. Traduzzjonijiet

Dokumenti pubbliċi maħruġa mill-awtoritajiet ta’ Stat Membru tal-UE, li jinħarġu f’lingwa li mhijiex la l-Ingliż u lanqas il-Malti, li huma koperti mir-Regolament tal-UE 2016/1191, bħal ċertifikati tat-twelid, żwieġ, unjoni ċivili, stat liberu u mewt, huma aċċettati jekk ikunu akkumpanjati minn formola standard multilingwi bħala għajnuna għat-traduzzjoni.

Dokumenti pubbliċi li huma akkumpanjati mill-formola standard multilingwi, u li jkunu jinkludu qasam jew diversi oqsma li jkunu ġew mimlija b’lingwa oħra li mhix l-Ingliż jew il-Malti, jeħtieġu traduzzjoni ta’ dawn l-oqsma għall-ipproċessar tad-dokument.

Dokumenti pubbliċi maħruġa mill-awtoritajiet ta’ Stat Membru, li mhumiex akkumpanjati minn formola standard multilingwi, li huma maħruġa mill-awtoritajiet ta’ Stat Membru u li mhumiex bl-Ingliż jew bil-Malti, jeħtieġ li jiġu tradotti għall-Ingliż jew għall-Malti.

Dokumenti pubbliċi maħruġa mill-awtoritajiet ta’ pajjiżi terzi li, parzjalment jew kompletament, mhux bl-Ingliż jeħtieġ li jiġu tradotti għall-Ingliż jew għall-Malti.

Traduzzjonijiet tad-dokumenti pubbliċi kollha tal-UE maħruġa mill-awtoritajiet ta’ Stat Membru, li huma tradotti f’Malta minn persuni li huma rreġistrati fil-Lista ta’ Tradutturi tal-Aġenzija Identità Malta ma jeħtieġx li jkunu apostillati jew legalizzati.

Il-Lista tat-Tradutturi tal-Aġenzija Identità Malta hija aċċessibbli minn: https://www.identitymalta.com/services/translators-list/.

Traduzzjonijiet tad-dokumenti pubbliċi kollha tal-UE maħruġa mill-awtoritajiet ta’ Stat Membru, li huma tradotti f’Malta minn persuni li huma rreġistrati mal-Ministeru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej u l-Kummerċ ta’ Malta, iżda li mhumiex fil-Lista ta’ Tradutturi tal-Aġenzija Identità Malta għandhom jiġu apostillati jew legalizzati.

Ir-Reġistru provdut mit-Taqsima tal-Legalizzazzjoni fi ħdan il-Ministeru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej u l-Kummerċ ta’ Malta jista’ jiġi aċċessat permezz tal-portal https://signatories-legalisation.gov.mt/

Traduzzjonijiet tad-dokumenti pubbliċi kollha li huma tradotti fi stat membru tal-Unjoni Ewropea minn traduttur li jista’ jiġi verifikat fuq il-portal tal-Unjoni Ewropea                                https://e-justice.europa.eu/content_public_documents-551-en.do huma aċċettati u m’għandhomx għalfejn jiġu apostillati jew legalizzati. Madankollu, jekk tali traduttur ma jiġix ivverifikat fuq il-Portal tal-Unjoni Ewropea, tali traduzzjoni għandha tiġi apostillata jew legalizzata.

It-traduzzjonijiet kollha ta’ dokumenti maħruġa minn stati li mhumiex fl-UE, li huma tradotti barra minn Malta jew mill-Unjoni Ewropea, għandhom jiġu apostillati jew legalizzati.

L-Aġenzija Identità Malta tirriżerva d-dritt li titlob traduzzjoni ta’ kwalunkwe data fil-qasam jew oqsma meħtieġa għal skopijiet ta’ reġistrazzjoni, li ma jkunux la bl-Ingliż u lanqas bil-Malti. ­­