Karta tal-Identità Maltija ġdida fiċ-ċirkolazzjoni aktar tard dan ix-xahar
Bil-produzzjoni u l-ittestjar tas-software tal-karta tal-identità l-ġdida fl-aħħar fażi tiegħu, id-dokument ta’ identifikazzjoni huwa mistenni li jidħol fiċ-ċirkolazzjoni dalwaqt
Is-Segretarju Parlamentari għaċ-Ċittadinanza u l-Komunitajiet, l-Onor. Alex Muscat stqarr li minbarra l-bidliet estetiċi, id-dokument ta’ identifikazzjoni l-ġdid se jkun aktar sigur u diffiċli biex ikun imbagħbas.
Il-karta tal-identità ġdida se tkun mgħammra b’għadd ta’ features ta’ sigurtà ġodda filwaqt li d-dettalji personali tad-detentur se jkunu fuq karta polycarbonate, li se tagħmilha diffiċli mmens biex wieħed ibagħbas id-dokument mingħajr ma jħalli traċċi.
Is-Sur Anton Sevasta, Kap Eżekuttiv tal-Aġenzija Identità Malta ħabbar li mill-ġimgħa d-dieħla se tibda tinħareġ il-karta tal-identità l-ġdida liċ-ċittadini anzjani (60+ u 75+). Wara, se jkunu qed jinħarġu lill-applikanti l-ġodda ta’ 14-il sena u eventwalment lil kumplament taċ-ċittadini Maltin aktar tard dan ix-xhar, kemm-il darba ma jkunx hemm diffikultajiet tekniċi.
L-introduzzjoni gradwali tal-karta tal-identità ġdida Maltija se tibda aktar tard dan ix-xahar. Id-dokument tal-identità l-ġdid se jinħareġ għal applikazzjonijiet ġodda u tiġdid, u mhux se jkun hemm mass rollout. Karti tal-identità validi fiċ-ċirkolazzjoni jibqgħu tajbin sad-data ta’ skadenza tagħhom. Il-karti tal-identità eżistenti diġà jikkonformaw ma’ standards għoljin ta’ sigurtà, iżda dawk ġodda se jagħmlu użu mill-aħħar teknoloġija biex jipprevjenu aktar il-falsifikazzjoni tad-dokument. Il-karta tal-identità Maltija tinħareġ biss liċ-ċittadini Maltin.