Is-servizz tal-Passaport ta’ Stranġier se jkun ċċentraliżżat u offrut kollu mill-Aġenzija Identity Malta, minn binja waħda f’Ħal Far.

Minn nhar it-Tnejn 2 ta’ Marzu 2020 is-servizz kollu relatat mal-ħruġ tal-Passaport ta’ Stranġier se jkun iċċentraliżżat u offrut mill-uffiċċju tal-Aġenzija Identity Malta f’Ħal Far.

Fl-indirizz tiegħu, is-Segretarju Parlamentari għaċ-Ċittadinanza u l-Kommunitajiet, l-Onor. Alex Muscat, sostna li l-applikanti se jibbenifikaw minn servizz issimplifikat li se jieħu inqas ħin biex jinħareġ Passaport ta’ Stranġier.

B’riżultat t’hekk, benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali u oħrajn li għandhom status ta’ protezzjoni umatiraja nazzjonali, inkluż dawk li għandhom Specific Residence Authorisation, se jkunu jistgħu japplikaw direttament huma mal-Uffiċċju tal-Espatrijati f’Ħal Far u mhux iktar ma’ Dar l-Emigrant. Barra minn hekk, l-applikanti se jinqdew f’darba meta jmorru biex jissottomettu l-applikazzjoni tagħhom u jittiħdilhom il-karatteristiċi bio-metriċi tagħhom. Dan kollu se jħaffef aktar il-proċess u f’ ċirkostanzi normali, il-Passaport ta’ Stranġier mistenni jieħu erba’ t’ijiem tax-xogħol biss biex jinħareġ.

Ta’ min jirrimarka li l-applikazzjoni għandha tiġi ppreżentata mimlija bid-dettalji kollha (inkluż id-dokumentazzjoni meħtieġa) u ffirmata mir-rakkomandant kif ukoll mill-applikanti nfushom. Ġa la darba Identity Malta tevalwa u tivverifika l-applikazzjoni sottometta, l-applikanti li jkollhom it-talba tagħhom milqugħa jkunu jistgħu jiġbru l-passaport tagħhom mill-istess uffiċċju f’Ħal Far. B’hekk, l-Aġenzija Identity Malta se tkun responsabbli mill-bidu sal-aħħar għall-proċess ta’ ħruġ ta’ dan id-dokument.

L-Onor. Alex Muscat saħaq li din hija miżura oħra ta’ simplifikazzjoni li l-Aġenzija Identity Malta qed tieħu biex tkompli ttejjeb is-servizz tagħha, u li se tfisser inqas dewmin u skariġġ għall-applikanti li issa se jinqdew minn post wieħed. Barra minn hekk, benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali u oħrajn li għandhom status ta’ protezzjoni umatiraja nazzjonali, inkluż dawk li għandhom Specific Residence Authorisation, jistgħu japplikaw ukoll għall-permess ta’ residenza ġdid jew iġeddu dak eżistenti tagħhom minn l-istess binja f’Ħal Far.

Il-Kap Eżekuttiv tal-Aġenzija Identity Malta irrimarka li s-servizz se jkun wieħed aktar faċli u effiċjenti; konformi mal-oġġettivi tal-Aġenzija fejn tidħol l-għotja ta’ servizz.

Aktar kmieni din il-ġimgħa l-Aġenzija Identity Malta iltaqgħet mal-imsiħba li jaħdmu fis-settur tal-ażil biex tispjega aħjar it-tibdil fil-proċedura l-ġdida.

Minn nhar it-Tnejn 2 ta’ Marzu 2020 dawk li jixtiequ jagħmlu użu mis-servizz relatat mal-ħruġ ta’ Passaport ta’ Stranġier jistgħu jagħmlu dan mill-uffiċċji t’Identity Malta f’Ħal Far, mit-Tnejn sal-Ġimgħa bejn 07:30am u 02:00pm.

F’każ t’emerġenza barra l-ħin tal-ftuħ, l-applikanti huma meħtieġa li jikkuntattjawna fuq (+356) 79473656.

Benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali u oħrajn li għandhom status ta’ protezzjoni umatiraja nazzjonali li jistgħu japplikaw għall-permess ta’ residenza fl-istess ġranet bejn 07:30am u 12:30pm.

Għal aktar informazzjoni, applikanti jistgħu jibagħtu email fuq [email protected] jew jagħmel kuntatt permezz tat-telefon fuq (+356) 2590 4841 waqt il-ħin tal-ftuħ.

Indirizz: Identity Malta, International Humanitarian Protection and SRA Office, Ħal Far Hanger, Ħal Far, BBG3000