Identity Malta tniedi permess temporanju għall-awtorizzazzjoni tax-xogħol
Waqt laqgħa li kellha ma’ numru ta’ msieħba soċjali, is-Segretarju Parlamentari għar-Riformi, Ċittadinanza u Simplifikazzjoni tal-Proċessi Amministrattivi, Julia Farrugia Portelli, spjegat kif l-aġenzija Identity Malta qed tkompli tissimplifika l-proċessi tagħha mingħajr ma jiġu mittiefsa l-kontrolli ta’ sigurtà.
Fid-dawl ta’ dan, is-Segretarju Parlamentari ħabbret li minn nhar it-Tnejn se jidħol fis-seħħ permess temporanju li jawtorizza lill-ħaddiema barranin biex jibdew jaħdmu b’mod immedjat ġaladarba jkollhom it-talba tagħhom għall-single permit milqugħa. Wara li l-applikant idaħħal id-dokumenti finali, jittieħdulu l-biometrics u l-employer jinnotifika lil Jobsplus bl-impjieg tiegħu, l-applikant jkun jista’ jibda jaħdem minnufih u mingħajr ma joqgħod jistenna ġimgħat qabel jinħariġlu d-dokument finali.
Ta’ min isemmi li l-verifiki mill-Pulizija u l-Jobsplus ikunu saru qabel mal-applikant ikun innotifikat bid-deċiżjoni meta jkun għadu barra mill-pajjiż. Fl-eventwalità li r-rekwiżiti stipulati ma jkunux onorati, il-proċess jitwaqqaf immedjatament. Barra minn hekk dan il-permess temporanju mhux validu għas-safar.
Farrugia Portelli saħqet, kif permezz ta’ din il-proċedura ġdida, filwaqt li ser tkompli tittaffa l-pressjoni fuq is-suq tax-xogħol, ser tonqos il-possibbiltà li dawn il-ħaddiema jaħdmu mingħajr l-awtorizzazzjoni neċessarja.
Is-Segretarju Parlamentari rrimarkat kif il-fatt li l-ekonomija Maltija qed tikber b’rata bla preċedent u l-qagħad qiegħed fl-inqas livelli qed jippreżenta sfidi ġodda għal pajjiżna, partikolarment fis-suq tax-xogħol. Illum għandna sitwazzjoni fejn hawn aktar impjiegi vakanti milli nies ifittxu x-xogħol, u b’konsegwenza t’hekk, min iħaddem qed ikun kostrett li jirrikorri għall-ħaddiema barranin.
Fid-dawl ta’ dan, id-domanda għas-servizzi li toffri Identity Malta kompliet tiżdied u fil-ġimgħat li ġejjin se tkun qed tniedi pjattaforma elettronika li tippermetti lil min iħaddem sabiex japplika għall-permess għan-nom ta’ ħaddiema li jkunu ġejjin minn pajjiż terz u li għadhom barra mill-pajjiż. Din is-sistema se tagħmel possibbli li l-applikant u min iħaddem jirċievi update in real time ta’ fiex waslet l-applikazzjoni tagħhom. Barra minn hekk, il-ħlas tal-applikazzjoni jista’ jsir online u l-applikant jiġi nnotifikat bid-dettalji li jkun daħħal l-employer prospettiv għal verifika u l-approvazzjoni tiegħu. Benefiċċju ieħor hu dak li s-sistema tassigura li d-dokumenti kollha meħtieġa għandhom ikunu sottometti mal-applikazzjoni.
Mekkaniżmi bħal dawn mhux biss ser iħaffu u jiffaċilitaw il-proċessi iżda se jnaqqsu d-dewmien u l-iffullar fl-uffiċini, dan bil-għan li l-aġenzija toffri servizz aktar effiċjenti u effikaċi.
Dan il-pass se jkun qed isaħħaħ l-id operattiva ta’ Identity Malta sabiex din tkun tista’ tilqa’ aħjar għad-domanda tal-ekonomija u l-bżonnijiet tan-nies.