Is-Segretarju Parlamentari Julia Farrugia Portelli fetħet uffiċċju t’Identity Malta fl-isptar Mater Dei li se jagħmilha aktar faċli għall-pubbliku meta fost oħrajn jinnotifika t-twelid u l-imwiet. Permezz ta’ dan is-servizz, persuna se tkun jista’ tinqeda fil-pront mingħajr il-ħtieġa li toqgħod tmur l-uffiċċju tar-Reġistru Pubbliku f’Evans Building, il-Belt Valletta u b’hekk tkun evitata burokrazija żejda.

F’diskors qasir li għamlet, is-Segretarju Parlamentari Farrugia Portelli sostniet kif dan kien parti minn eżerċizzju ta’ simplifikar li bdiet l-aġenzija bil-għan li tkun f’pożizzjoni aħjar sabiex toffri servizz tal-ogħla kwalità iżda li xorta waħda jkun effiċjenti u sensittiv għall-bżonnijiet tan-nies.

Farrugia Portelli rrimarkat kif fl-aħħar xhur, l-aġenzija Identity Malta kienet diġà bdiet toffri s-servizz ta’ notifiki bi prova minn help desk li ntrama apposta f’Mater Dei. Hija semmiet kif ir-rispons tal-pubbliku kien wieħed tajjeb ħafna tant li minn Ottubru sa Marzu li għadda saru mal-1934 notifika tat-twelid u mwiet. Dan ifisser li kienu 91% tat-twelid u 27% tal-imwiet li ġew innotifikati ma’ dan il-help desk

Julia Farrugia Portelli qalet li minkejja li meta mqabbla ma’ dik tat-twelid, ir-rata ta’ notifika tal-imwiet għadha baxxa, din qed tiżdied kull xahar. Barra minn hekk, il-ħaddiema li jaħdmu f’numru ta’ djar tal-anzjani, inkluż f’San Vinċenz de Paule ngħataw taħriġ u bdew jinnotifikaw l-imwiet tal-anzjani fuq il-post huma stess. 

L-uffiċċju l-ġdid ta’ Mater Dei se jkun miftuħ mit-Tnejn sas-Sibt, bil-possibiltà li dan jiġi estiż fiż-żmien li ġej. Minbarra s-servizz ta’ notifiki, il-pubbliku ser jibbenifika wkoll minn assistenza u customer support, fejn wieħed jingħata tagħrif utli waqt li jissottometti l-applikazzjonijiet tiegħu għal wieħed mis-servizzi li toffri l-aġenzija. Servizz ieħor importanti li se jingħata minn dan l-uffiċċju hu dak ta’ ħruġ ta’ passaporti f’każ t’emerġenza meta trabi jew tfal taħt it-tliet snin ikunu jeħtieġu kura barra minn Malta. 

Wara l-introduzzjoni tas-servizz bi prova, l-aġenzija tikkalkula li kien hemm mat-3,700 persuna anqas li fl-aħħar sitt xhur żaru l-uffiċċju tagħha fil-Belt Valletta. B’riżultat t’hekk, naqas l-iffullar fl-uffiċċju tar-Reġistru Pubbliku u min mar, seta’ jinqeda f’inqas ħin. 

Is-Segretarju Parlamentari Farrugia Portelli semmiet kif l-aġenzija Identity Malta diġà toffri servizzi oħra direttament fuq il-post fosthom lil dawk il-kumpaniji li se jkunu se jimpjegaw numru kbir ta’ ħaddiema barranin.

Julia Farrugia Portelli rringrazzjat lit-tmexxija u l-ħaddiema kollha t’Identity Malta u tal-isptar Mater Dei, mhux biss għall-impenn u d-dedikazzjoni tagħhom, imma talli kkollaboraw u ħadmu mill-qrib flimkien biex dan is-servizz ikun possibbli.