It-tmexxija tal-Aġenzija Identity Malta flimkien mal-General Workers’ Union, bħala r-rappreżentanti tal-ħaddiema, iffirmaw ftehim kollettiv ġdid għall-ħames snin li ġejjin. Il-ftehim ikopri mill-1 ta’ Jannar 2019 sal-31 ta’ Diċembru 2023 u se jkompli jibni fuq dak ta’ qablu.

Dan il-ftehim kien deskritt bħala wieħed vantaġġjuż għall-ħaddiema li se jaraw titjib konsiderevoli fis-salarji u l-kundizzjonijiet tax-xogħol tagħhom. Fil-fatt, iż-żieda medja fil-pagi fuq il-ħames snin li ġejjin se tkun ta’ 18%, b’dawk fl-iskali t’isfel l-aktar li se jaraw titjib fil-kundizzjonijiet tagħhom.

Il-Kap Eżekuttiv tal-Aġenzija Identity Malta, is-Sur Anton Sevasta, faħħar l-impenn u d-dedikazzjoni li bih jaħdmu l-ħaddiema ta’ Identity Malta. Sevasta saħaq li minkejja n-natura kumplessa tax-xogħol u ż-żieda fid-domanda għas-servizz, il-ħaddiema tal-Aġenzija jagħmlu l-almu kollu tagħhom biex jipprovdu servizz pubbliku effiċjenti u ta’ kwalità. Il-Kap Eżekuttiv tenna li l-pakkett maqbul għandu jimmotiva aktar lill-ħaddiema biex flimkien mat-tmexxija, jilħqu l-miri tal-Aġenzija għaż-żmien li ġej. Barra minn hekk, il-ftehim se jiftaħ numru ta’ opportunitajiet ta’ avvanz u għandu jaspirahom biex ikunu aktar ambizzjużi fil-miri tagħhom.

Tippresjedi fuq l-iffirmar ta’ dan il-ftehim kollettiv kien hemm preżenti s-Segretarju Parlamentari għar-Riformi, Ċittadinanza u Simplifikazzjoni tal-Proċessi Amministrattivi, l-Onor. Julia Farrugia Portelli. Is-Segretarju Parlamentari sostniet kif il-pakkett maqbul jirrifletti l-bżonnijiet tal-ħaddiema u huwa rikonoxximent għas-sehem importanti tagħhom. Fid-diskors tagħha, Farrugia Portelli faħħret id-deċiżjoni għaqlija tat-tmexxija ta’ Identity Malta li maż-żmien għarfet tinvesti fl-aqwa riżors tagħha permezz ta’ taħriġ kontinwu.

Is-Segretarju Parlamentari saħqet ukoll dwar l-importanza tal-ħarsien tal-kundizzjonijiet tax-xogħol u kif dan se jkun rifless ukoll fit-tnedija tal-politika favur is-saħħa mentali. Farrugia Portelli rrimarkat kif Identity Malta se tkun fost l-ewwel aġenziji tal-Gvern li se tipprovdi kemm l-għajnuna kif ukoll it-taħriġ lill-impjegati tagħha sabiex dawn ikunu mħarrġa biex jagħrfu s-sintomi marbuta mas-saħħa mentali u jkunu jafu kif għandhom jgħinu lill-kollegi tagħhom f’dan il-mument.

Is-Sur Kendrick Bondin, għan-nom tal-General Workers Union, faħħar il-mod professjonali u kordjali li bih mexa l-proċess. Fuq l-istess nota, is-Sur Joseph Montebello, l-Uffiċjal għar-Riżors Uman fi ħdan Identity Malta, iddeskriva l-proċess bħala wieħed amikevoli fejn iż-żewġ naħat irnexxilhom jinnegozjaw l-aħjar pakkett għall-ħaddiema fi żmien relattivament qasir.

Il-ftehim kollettiv il-ġdid ġie iffirmat mill-Kap Eżekuttiv is-Sur Anton Sevasta, is-Sur Joseph Montebello u s-Sur Martin Bowerman għan-nom t’Identity Malta flimkien  mas-Sinjura Berenice Stivala bħala shop steward li rrappreżentat lill-ħaddiema. Tippresedi fuq dan l-iffirmar kien hemm is-Segretarju Parlamentari għar-Riformi, Ċittadinanza u Simplifikazzjoni tal-Proċessi Amministrattivi, l-Onor. Julia Farrugia Portelli. Preżenti wkoll kien hemm ċ-Chairman Non-Eżekuttiv ta’ Identity Malta, Dr. Ian Castaldi Paris, is-Segretarju Permanenti s-Sur Vincent Muscat u x-shop stewards li jirrappreżentaw lill-ħaddiema tal-Aġenzija Identity Malta.