70 faxxiklu lura lejn Għawdex. 

Is-Segretarju Parlamentari Julia Farrugia Portelli ħabbret li fl-ewwel kwart ta’ din is-sena, daħlu mas-7,300 talba aktar għar-riċerki meta mqabbel mal-istess perjodu fl-2017. F’konferenza tal-aħbarijiet fit-Taqsima tar-Riċerki fil-Belt Valletta, Farrugia Portellu qalet li din iż-żieda ta’ 11% turi kemm il-proprjetà f’pajjiżna hija b’saħħitha.

Julia Farrugia Portelli semmiet kif l-inċentivi li daħħal il-gvern bħat-tnaqqis fit-taxxa tal-boll għall-first u second-time buyers, ir-restawr fuq djar antiki u l-fidi ta’ ċnus servew ta’ stimolu addizzjonali għal din l-indjustrija. Qalet li minkejja din id-domanda b’saħħitha, iż-żmien tal-ipproċessar minn Identity Malta niżel għal sitt ijiem. Dan anke jekk li l-liġi tippermetti sa 10 ijiem ta’ ħidma.

Waqt l-istess konferenza tal-aħbarijiet, is-Segretarju Parlamentari Julia Farrugia Portelli ppreżentat 70 faxxiklu restawrat lill-Ministru għal Għawdex Justyne Caruana. Il-faxxikli jiġbru fihom indiċi li ġew insinwati f’Għawdex bejn l-1902 u l-1930 u jinkludu dettalji ta’ kuntratti ta’ bejgħ ta’ propjetà, separazzjonijiet, kawża mortis, fidi ta’ ċnus u donazzjonijiet. 

Minħabba l-fatt li t-Taqsima tar-Riċerki tagħmel użu kontinwu minn dawn il-faxxikli, il-proċess ta’ deterjorament tagħhom kien wieħed avvanzat. Jirriżulta sitt faxxikli kienu fi stat ħażin ħafna u frott il-ftehim li hemm bejn Identity Malta u l-Arkivji Nazzjonali, ġew ikkonservati fl-awtentiċità tagħhom sabiex b’hekk ikunu jistgħu jitgawdew minn ġenerazzjonijiet futuri wkoll. L-ispiża biex sar dan kienet ta’ €6,000 u kienet koperta kollha minn Identity Malta filwaqt li beda wkoll il-proċess ta’ diġitalizazzjoni tal-istess faxxikli.

Is-Segretarju Parlamentari Julia Farrugia Portelli saħqet kif dan se jissimplifika u jħaffef aktar il-proċessi għal Għawdxin li jridu jixtru proprjetà f’Għawdex stess.

Il-Ministru għal Għawdex Justyne Caruana qalet li l-okkażjoni tal-illum mhix waħda simbolika iżda tanġibli u hu ta’ sodisfazzjon li l-poplu Għawdxi ser jingħata lura parti mill-patrimonju rikk li ħallew missirijietna. 

Il-Ministru Caruana qalet kif il-Ministeru għal Għawdex hu impenjat u qed jikkolabora ma’ Ministeri oħra biex Għawdex jingħata sehmu u dak li hu tiegħu. Semmiet kif grazzi għall-miżuri li implimenta l-Gvern fis-settur tal-bejgħ tal-proprjeta, Għawdex ukoll qed igawdi mill-ġid li qed jinħoloq u dan għaliex il-Gvern nieda skemi speċifiċi biex jinċentiva dan is-settur. 

Il-Ministru għal Għawdex semmiet kif matul dawn l-aħħar xhur, il-ħidma tal-Ministeru ħadet aktar spinta biex aktar servizzi jibdew jiġu offruti minn Għawdex stess u dan biex jitnaqqas l-iskariġġ, il-burokrazija żejda u titjieb l-effiċjenza . Il-Ministru Caruana fakkret kif bi ftehim ma’ Identity Malta, servizzi ġodda bdew jiġu mogħtija minn din l-Aġenzija f’Għawdex stess u kif hemm il-pjan li servizzi oħra jibdew jingħataw minn Għawdex ukoll.